

Jingħata bidu għall-ewwel servej fuq skala kbira tal-ICT fl-iskejjel fl-Ewropa
Settembru 2011
Għall-ewwel darba, l-għalliema u l-istudenti madwar l-Ewropa qed isirilhom stħarriġ sistematiku dwar l-użu u x’jaħsbu dwar it-teknoloġiji fit-tagħlim.
L-użu tat-teknoloġija qed jiżdied fl-iskejjel . It-teknoloġija hija ‘indispensabbli’ għaż-żgħażagħ, u l-kontribut tagħha lejn l-għanijiet edukattivi, soċjali u ekonomiċi huwa rikonoxxut fil-politiki nazzjonali u Ewropej. Għalhekk huwa importanti li jkun hemm fehim ċar dwar il-firxa tad-dispożizzjoni u l-użu tagħha fl-iskejjel madwar l-Ewropa. Għalhekk qed jinġabru l-opinjonijiet tal-kapijiet tal-iskejjel, tal-għalliema u tal-istudenti, permezz ta’ kwestjonarju online (ukoll l-ewwel darba), għas-Servej Ewropew tal-Iskejjel: L-ICT u l-Edukazzjoni. L-ESSIE għandu l-għan li jipprovdi tweġibiet għall-mistoqsijiet bħal:
- Kif jitqabblu l-esperjenzi tal-ICT taż-żgħażagħ ġewwa u barra mill-iskola? Ivarjaw bejn pajjiż u ieħor?
- Kemm hemm klassijiet verament online, mgħammra b’whiteboards interattivi u laptops? Kemm hemm għalliema li jħossuhom komdi fihom? X’jagħmlu, u x’inhuma r-riżultati għall-istudenti?
- Liema fatturi tal-iskejjel u tal-għalliema huma assoċjati ma’ xejriet differenti tal-użu tal-ICT? Jistgħu jkunu identifikati mudelli esploratorji biex jispiraw rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ metodi ta’ tagħlim u kurrikuli fis-seklu 21?
L-ESSIE għandu l-għan li jiffissa livelli ta’ progress fid-disponibilità u l-użu tal-ICT f’31 pajjiż (is-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Kroazja, l-Islanda, in-Norveġja u t-Turkija). Madwar 1,200 skola primarja u sekondarja ntgħażlu f’kull pajjiż u l-kapijiet ta’ dawn l-iskejjel għandhom jistennew ittri elettroniċi dwar is-servej dan ix-xahar. Id-Direttur Eżekuttiv ta’ European Schoolnet Marc Durando qal: “Nittamaw li jkollna rata ta’ rispons għolja biex niżguraw li s-sejbiet ikunu bbażati fuq qafas ta’ evidenza soda. L-informazzjoni kollha miksuba se tintuża biss għas-servey u ebda individwu ma jkun identifikabbli.” F’kull pajjiż kordinatur nazzjonali nnominat mill-ministeru tal-edukazzjoni qed jaħdem fuq l-ESSIE. Il-Kordinatur Nazzjonali tar-Renju Unit, Bill Gibbon, qal: “Jien se nkun qed naħdem ma’ skejjel tal-ESSIE biex ngħinhom jimlew is-servej. Aħna nafu li l-iskejjel huma postijiet fejn hemm ħafna xogħol għaddej il-ħin kollu u kull sforz qed isir biex niżguraw li jkun hemm l-anqas tfixkil possibbli.”
It-tweġibiet tas-servej se jkunu analizzati u ppubblikati f’rapport internazzjonali ta’ tqabbil u f’31 rapport tal-pajjiżi fl-2012. Timo Lankinen, il-Kap Eżekuttiv tal-Bord Nazzjonali tal-Edukazzjoni tal-Finlandja kkummenta: “Pajjiżna pprepara pjanijiet nazzjonali għall-ICT u neħtieġu informazzjoni dwar żviluppi u kif il-Finlandja titqabbel ma’ pajjiżi oħra.”
Is-servej se joħroġ sejbiet li jgħinu biex ikun hemm fehim u jsir titjib fit-tagħlim permezz tal-ICT: “L-ICT jippermetti l-personalizzazzjoni u jista’ jagħmel it-tagħlim aktar effiċjenti, effettiv u attraenti. It-teknoloġija, li hija indispensabbli fiż-żminijiet tal-lum, tista’ tappoġġa edukazzjoni ta’ kwalità ogħla b’riżorsi limitati. Din ir-riċerka tikkontribwixxi għall-għarfien dwar ir-relazzjoni bejn dawn l-elementi,” skont Toine Maes, Direttur ta’ Kennisnet fil-Pajjiżi l-Baxxi.
F’bosta pajjiżi l-valur tal-ESSIE huwa li jappoġġja l-iżvilupp tal-politika bbażata fuq l-evidenza. Għall-kordinatur nazzjonali ta’ Malta, Emmanuel Zammit is-servej “se jgħinna nipproġettaw aħjar għall-futur u jgħinna nagħmlu l-aħjar użu tat-taħriġ u tat-teknoloġija li investejna fiha tul dawn l-aħħar snin.” Marta Hunya, riċerkatura għolja tal-Istitut Ungeriż għar-riċerka u l-Iżvilupp Edukattiv, sostniet dawn l-opinjonijiet: “Fl-Ungerija l-proċess ta’ monitoraġġ tal-użu tal-ICT fl-edukazzjoni pubblika beda sena ilu, u nittamaw li dan is-servey internazzjonali se jqajjem l-għarfien tal-importanza tal-kwistjoni f’kull livell mill-iskejjel sal-gvern. Aħna żviluppajna websajt u għodda ta’ awto evalwazzjoni tal-ICT (http://devel.ofi.hu/english/) u jiena kurjuża biex nara r-riżultati taż-żewġ servejs, u kif jitqabblu ma’ xulxin.”
Iffinanzjata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea tas-Soċjetà tal-Informazzjoni u l-Midja u appoġġata mill-ministeri tal-edukazzjoni, l-ESSIE huwa mmexxi mill-European Schoolnet u l-Università ta’ Liège. Aktar informazzjoni tista’ ssibha fuq essie.eun.org.